Fi tmiem din il-ġimgħa qed isir pagament ieħor lil ġenituri-ħaddiema bi tfal taħt it-23 sena u kif ukoll lil ġenituri li ma jaħdmux biex jieħdu ħsieb wild b'diżabilità severa. B'kollox, ftit aktar minn 24,000 familja ser jitħallsu kważi €5.5 miljun. Dawn il-pagamenti jkopru l-perjodu ta' bejn Lulju u Settembru.
Madwar 23,400 ġenituri-ħaddiema bi tfal taħt it-23 sena ser jirċievu t-tielet pagament tagħhom tal-In-Work Benefit għal din is-sena, li b'kollox ilaħħaq aktar minn €4.5 miljun. B'hekk il-ħlasijiet tagħhom għal din is-sena issa laħqu madwar €13.3 miljun u sal-aħħar tas-sena se jqarrbu t-€18-il miljun.
Ir-rati kollha tal-benefiċċju din is-sena żdiedu b'€75 għal kull wild, bl-ogħla rati għal kull wild jiżdiedu għal €1,627 għal koppji t-tnejn jaħdmu u ġenituri singoli u €856 għal koppji fejn wieħed mill-ġenituri jaħdem. Jekk it-tieni ġenitur jibda jaħdem, ir-rata tiżdied.
Din kienet is-sitt żieda fil-benefiċċju minn meta daħħal fis-seħħ fl-2015. L-għadd ta' benefiċċjarji wkoll żdied sew meta l-ħlasijiet bdew isiru mingħajr il-ħtieġa li ssir applikazzjoni.
Fil-kalkolu tar-rati d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jikkunsidra l-qligħ nett u allura ma jieħux inkonsiderazzjoni il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kif ukoll l-ammont ta' taxxa fuq id-dħul li jkun tħallas mill-ġenituri.
Intant, madwar 650 ġenitur ieħor li ma jaħdmux biex jieħdu kura ta' wild b'diżabilità severa wkoll ser jirċievu l-pagament tagħhom tal-Carer's Grant għal perjodu ta' bejn Lulju u Settembru. Bil-ħlas li ser isir, li jlaħħaq għal ftit anqas minn €860,000, din is-sena se jkunu rċevew total ta' madwar €2.5 miljun u sal-aħħar tas-sena kważi €3.4 miljun.
L-ammont annwali ta' din l-għotja huwa ta' €5,369, li huwa daqs nofs il-paga minima nazzjonali netta. Għaldaqstant dawn il-familji fi tmiem din il-ġimgħa qed jirċievu €1,342.25.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja Michael Falzon saħaq li lejliet Budget ieħor li se jkun qed jerġa' jagħti mingħajr ma jieħu u se jkun qed ikompli jipproteġi lill-familji u lin-negozji, il-Gvern jibqa' spalla ta' għajnuna għall-familji Maltin u Għawdxin.
Huwa sostna li fuq dawn iż-żewġ benefiċċji biss, matul l-2026 il-Gvern se jkun investa aktar minn €21 miljun f'dawn il-familji. Dawn minbarra €107 miljun oħra investiti fuq Children's Allowance, Allowance Supplimentari u benefiċċji oħra għat-tfal għal total ta' kważi €130 miljun. Dan minbarra wkoll it-tnaqqis sostanzjali fit-taxxa għall-ġenituri bit-tfal.
Il-Ministru Falzon temm jgħid li l-Gvern se jibqa' spalla u tarka għaċ-ċittadini kollha Maltin u Għawdxin u dan se jkompli jurih fil-Budget 2027 li se jitħabbar fis-26 t'Ottubru li ġej.